6.10.06

Websajt Ġdida għall-Għaqda tal-Malti - Università

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tagħha fl-okkażjoni tal-75 sena mit-twaqqif, l-Għaqda tal-Malti - Università għadha kemm nediet websajt uffiċjali ġdida. Dan qed tagħmlu bit-tkomplija ma’ l-aġġornamenti fl-istatut, fl-isem u fl-emblema uffiċjali li saru xi xhur ilu.

Fost l-oħrajn, din il-websajt il-ġdida toffri tagħrif fuq l-istorja ta’ l-Għaqda u fuq l-attivitajiet li torganizza permezz ta’ album bir-ritratti. Hemm ukoll tagħrif fuq il-pubblikazzjonijiet tagħha, primarjament Leħen il-Malti u s-Sensiela Vassalli.

L-Għaqda tal-Malti - Università hi għaqda studenteska fuq il-kampus u għaldaqstant il-websajt il-ġdida qed toffri wkoll informazzjoni akkademika bħal tagħrif fuq awturi Maltin, noti għall-istudenti u lista bit-teżijiet tal-Malti li saru tul dawn l-aħħar snin. Dan sar b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti u l-Melitensia tal-Librerija ta’ l-Università.

Il-websajt hi indirizzata lejn l-istudenti tal-Malti, iżda għandha tinteressa lill-istudenti kollha, inkluż dawk li qed jistudjaw f’livell post-sekondarju għax tinkludi tagħrif interessanti għalihom ukoll bħal links għal siti akkademiċi oħra ta’ interess.

“Kien ilu jinħass il-bżonn ta’ websajt aġġornata għall-Għaqda tal-Malti - Università” qal Thomas Pace, l-Uffiċjal għat-Teknoloġija u l-Informazzjoni fi ħdan l-istess għaqda, “u għalhekk nittamaw li din il-websajt il-ġdida tibni kuntatt kontinwu mal-membri tagħna u l-pubbliku.”

L-Assistent Uffiċjal għat-Teknoloġija u l-Informazzjoni, Carl Farrugia, ħeġġeġ aktar studenti, universitarji u m’humiex, li qed jistudjaw jew jinteressahom il-Malti biex jissieħbu fl-Għaqda. Dan jista’ jsir mill-istess websajt billi tidħol fiha u tniżżel formola tas-sħubija li tiggwidak aktar.

L-indirizz-e tal-websajt huwa www.ghaqdatalmalti.org

No comments: