24.8.07

Il-Ħidma Intenazzjonali tal-KNŻ

It-12 ta’ Awissu kien il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ fejn din is-sena it-tema maħruġa min-Nazzjonijiet Uniti kienet ‘Uri ruħek, Semma’ leħnek: Il-Parteċipazzjoni żgħażugħa għall-Iżvilupp’.

Fil-messaġġ tiegħu is-Sur Koïchiro Matsuura, Direttur Ġenerali tal-UNESCO għal din l-okkażjoni qal li hija ta’ importanza kritika l-parteċipazzjoni żgħażugħa, kemm fil-qasam soċjali, ekonomiku u politiku, għall-progress u l-iżvilupp sostennibli tas-soċjetà. Hu qal li żgħażagħ huma sħab importanti tal-preżent u li għandhom perspettiva unika, fejn jagħtu kontribuzzjoni intellettwali ta’ valur u għandhom abilità li jkunu attivi f’kull livell. Dan narawh permezz tal-bosta inizjattivi madwar id-dinja fejn żgħażagħ żviluppaw u implementaw soluzzjonijiet biex isolvu problemi f’pajjiżhom. Hu sostna li żgħażagħ għandhom jintgħataw l-informazzjoni u t-taħriġ ħalli jkunu jistgħu jagħmlu d-differenza. Iħeġġeġ ukoll liż-żgħażagħ biex isemmgħu leħinhom u juru l-kreattività tagħħhom ħalli tinoħoloq dinja ta’ inklużjoni.

Ħidma Internazzjonali tal-KNŻ

L-ewwel ħidma internazzjonali ta’ l-eżekuttiv preżenti tal-KNŻ kienet bejn il-24 u l-25 ta’ Marzu fejn seba’ żgħażagħ irrappreżentaw lill-KNŻ fis-Summit taż-Żgħażagħ organiżżat fil-50 anniversarju ta’ l-Unjoni Ewropea. Minn dan is-summit ħareġ dokument miż-żgħażagħ kollha ta’ l-Unjoni Ewropea li ġie ppreżentat lill-mexxejja tal-pajjiż.

Wara dan il-President tal-KNŻ, Alessia Zammit irrappreżenta lill-KNŻ bejn it-13 u s-16 ta’ April fl-attività organizzata mill-Presidenza Ġermaniża fil-Ġermanja fejn ġew diskussi l-opportunitajiet indaqs u l-parteċipazzjoni soċjali għat-tfal u ż-żgħażagħ kollha.

Bejn is-27 u t-29 ta’ April is-Segretarju Ġenerali, Ducan Bartolo, flimkien ma’ Jonathan Dalli kienu preżenti fl-elezzjonijiet tal-European Youth Forum (EYF) li saru fl-Ażerbaijan. Matul dawn l-elezzjonijiet ġie elett Jonathan Dalli bl-ikbar numru ta’ voti minn fost tlettax-il kandidat.

Mill-21 sat-23 l-Uffiċjal għall-Attivitajiet Nazzjonali, Mario Borg, kien preżenti meta ż-żgħażagħ Ewropej ppreżentaw t-Tabacco Manifesto lil Jules Maaten u lill-Kumissarju tas-Saħħa Markos Kyprianou fi Strasburgu.

Malcolm Azzopardi kien preżenti għall-ewwel edizzjoni tal-Parlament taż-Żgħażagħ Ewro-Mediterranji li saret f’Berlin bejn is-26 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju. Matul dan il-Parlament ġew diskussi diversi issues fir-reġjun Ewro-Mediterranju fosthom l-imigrazzjoni, il-kultura u l-globalizzazzjoni. Minn dan il-Parlament ħareġ wkoll dokument li ġie ppreżentat lill-mexxejja tal-pajjiż.

F’Ġunju l-Ko-ordinatur tal-Politika Nazzjonali, Dylan Seychell flimkien ma’ Jonathan Dalli attenda konferenza dwar il-Politika taż-Żgħażagħ fi Brussel.

Ħidma Nazzjonali tal-KNŻ

Bħalissa għaddejin diversi proġetti tal-KNŻ fejn uħud minnhom qegħdin fil-maturazzjoni tagħhom bħall-Parlament taż-Żgħażagħ u oħrajn qegħdin fil-fażi inizjali tagħhom bħall-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ u l-Proġett Pilota. Bħalissa beda wkoll il-proċess tal-proġett li l-KNŻ għandu ma’ l- European Institute of Education (EIE) fejn se jkun hemm żewġ żgħażagħ, li huma Lorna Buttigieg u Ray Bartolo, li se jorganizzaw attività sportiva f’isem il-KNŻ.

Carl Farrugia

Assistent Segretarju Ġenerali KNŻ


Dan l-artiklu deher fuq In-Nazzjon ta' nhar l-Erbgħa 22 ta' Awissu

No comments: