
Il-bieraħ ma' Malta kollha ġriet l-aħbar li wieħed mill-pijunieri fix-xandir Malti miet. Dan hu Charles Arrigo bniedem li nistgħu ngħidu dejjem għex fix-xandir minn meta beda. Tant kien iħobb ix-xandir li ħassu ħażin proprju fil-bini tal-PBS.
Hu kien ukoll l-ewwel announcer tar-Rediffusion f'pajjiżna fl-1947 u f'Ottubru 1962 meta fetaħ il-Malta Television kien ukoll l-ewwel preżentatur. Fil-karriera tiegħu bħala xandar, Charles Arrigo serva f'diversi karigi ma' l-istazzjon tat-televiżjoni nazzjonali u ħadem ukoll bħala kummentatur fl-aktar okkażjonijiet statali u reliġjużi importanti fil-pajjiż. Waħda mill-aħħar okkażjonijiet reliġjużi li kkummenta kienet iċ-ċerimonja tal-ħatra ta' Monsinjur Mario Grech bħala Isqof ta' Għawdex.
Charles Arrigo ħa sehem f'numru kbir ta' xogħlijiet teatrali, sensiliet fuq it-televiżjoni, fosthom fuq Net TV, kif ukoll f'diversi films li nġibdu f'Malta. Charles Arrigo ħadem ukoll għal Radio 101 fejn fost l-oħrajn qara s-sensiela kollha "Il-Bxara t-Tajba" li kienet tixxandar wara l-aħbarijiet. Charles Arrigo ngħata l-midalja għall-Qadi tar-Repubblika fl-1995.
Il-poplu Malti jibqa' jiftakar ix-xogħol ta' Charles Arrigo li kien il-vuċi tal-poplu fuq it-televixin bil-kummentarji tiegħu ta' l-avveniment tal-pajjiż fosthom il-Ħelsien u r-Repubblika.
No comments:
Post a Comment